Artiklu ppubblikat fil-gazzetta il-Leħen, 20 ta’ Ottubru 2024


L-uffiċċju ta’ Missio Malta dan l-aħħar inawgura kappella ġdida. Dan l-ispazju ser iservi bħala post ta’ qima u meditazzjoni għall-impjegati, voluntiera u viżitaturi. Id-disinn tal-kappella ġie fdat f’idejn l-artist Malti Anthony Patrick Vella li hawn jaqsam l-esperjenza tiegħu magħna.

“Ġurnata waħda rċevejt telefonata mingħand Dun Victor Agius, Direttur ta’ Missio Malta (l-Aġenzija Missjunarja uffiċjali tal-Knisja Kattolika), hu gharrafni bix-xewqa tieghu li joħloq Kappella tal-Adorazzjoni fi ħdan il-kumpless ta’ Missio.

Mill-ewwel aċċettajt l-offerta ta’ Dun Victor u malajr kienet skedata laqgħa fl-uffiċċju tiegu sabiex niddiskutuha. Niftakar li matul dik il-laqgħa ppruvajt inbattal lili nnifsi, l-aktar billi nilqa’ lill-istaff u billi ppruvajt nakkomoda l-bżonnijiet u x-xewqat tagħhom għall-proġett.

Sussegwentement, permezz tal-qsim ta’ idejat  bdejna nahdmu flimkien, ċerti mill-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna. Kont bdejt inħoss xi ħsibijiet u ħassejt li d-determinazzjoni tiegħi li nwettaq il-ħidma kienet effett ta’ grazzja speċjali; fil-fatt ma llimitajtx ruħi għal proposta waħda imma erbgħa! Tul il-proċess, ma naqsux diffikultajiet u avversitajiet, iżda bil-preżenza ta’ Ġesù fostna, għinna lil xulxin biex inwettqu aħjar il-ħidmiet tagħna.

Dun Victor qalli li mill-erba’ proposti, l-ewwel waħda kkomunikatlu sens ta’ serenità, għalhekk iddeċidejna li mmorru b’dan id-disinn. Peress li l-ispazju fil-kappella huwa f’forma ta’ ‘L’, maqluba vertikalment, u għalhekk forma definita, ridt noħloq is-sensazzjoni ta’ vjagg fid-direzzjoni tal-arloġġ.

Nixtieq niddeskrivi fil-qosor il-kunċett wara d-disinn. Tibda fl-elevazzjoni (front elevation), mill-ħajt tax-xellug, li juri l-ħajja tal-missjunarju. Dan huwa rappreżentat minn ħames pitturi żgħar mdendla orizzontalment, fejn kull pittura tirrakkonta stadju fil-ħajja missjunarja. Il-viżitaturi jistgħu jaraw riflessjoni tagħhom infushom mhux biss b’mod figurattiv f’kull pittura, iżda wkoll fil-framment tal-mera li jghamlu parti essenzjali mill-kompożizzjoni tal-pittura.

Photo: Lorella Castillo

Fuq il-ħajt li jmiss, hemm it-tieqa tal-ħġieġ (stained glass). Il-biċċiet tal ħġieġ isegwu kurvi li jmorru f’direzzjoni tal-lemin. Dan jissimbolizza l-“Iva ta’ Marija u l-Mant tagħha” li minnha toħroġ il-forma tas-Salib. Dan huwa magħmul minn riċess kontinwu li jdur lejn il-lemin. Dawn il-ħitan ikkurvati jiġu interrotti minn spazju sabiex iħalli d-dawl naturali jidhol fl-ispazju, u mbagħad il-kurva tkompli sakemm tasal fil-parti kulminanti li hu Ġesù fit-tabernaklu.

L-idea tal-kurvi fid-disinn ġenerali tirrappreżenta dak li darba qalet Chiara Lubich: “Fil-preżenza ta Ġesù u Marija, aħna qegħdin fi ħdan il-Missier”. Permezz tal-għażla tal-kuluri, prinċipalment it-tonalitajiet naturali tal-art u l-hitan, ridt inwassal is-sensazzjoni li nkunu f’nofs in-natura, fiċ-ċentru tal-ħolqien. Għall-bankijiet u l-artal għażilna injam tal fraxxnu b’vernic naturali, biex jakkumpanja l-viżjoni tan-natura. L-erba’ bankijiet huma magħmula minn erba’ arki konċentriċi.

L-artal huwa f’forma ta’ ellissi; dan mghandux saqajn mal-art, imma joħroġ barra mill-ħajt bħal xkaffa sabiex jagħti sens ta’ kontinwità lill-ambjent. It-tabernaklu huwa magħmul minn ċilindru tal-metall miżbugħ b’lewn id-deheb antik. Id-dijametru huwa ħamsa u sebgħin ċentimetru u fiċ-ċentru hemm kontenitur żgħir ċirkulari li jospita l-Ewkaristija. Mid-disinn ċirkolari, erba triangoli angolati joħorġu f’forma ta’ salib li jiffurmaw stilla, li tirrappreżenta l-Istilla tat-Tramuntana li tiggwida lill-missjunarji fi triqithom.

Sa mill-bidu, din l-esperjenza nbniet fuq relazzjonijiet ma’ dawk kollha li ħadmu biex tinħema l-kappella. Tant skambji ta’ ideat u ħin mgħoddi ma’ dawn in-nies! Inħoss li arrikkijtni mhux biss professjonalment iżda wkoll umanament. Jien dejjem se nġorr dan f’qalbi. Kull mument kien storja umana u divina li żiedet maduma oħra mal-mużajk ta ħajti. Se niftakar għal dejjem ir-relazzjonijiet sbieħ u l-imħabba li daħlu fihom il-voluntiera. Nista’ ngħid li din l-esperjenza saħħet il vokazzjoni tieghi fis-soċjetà.

Nixtieq nikkonkludi billi nafferma li l-arti mhux biss tikkomunika kunċetti varji, imma wkoll, tohloq armonija u tgħaqqad il-ġnus: ars concordiae gentium.”

Anthony Patrick Vella

 

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *